Josè Herrera jiltaqa’ mal-BICC u stakeholders oħra rigward il-white paper tal-aġenti tal-proprjetà

Reference Number: PR 160333, Press Release Issue Date: Feb 17, 2016
 
Dalgħodu ġewwa l-bini tal-BICC (Building Industry Consultative Council) fil-Belt Valletta saret laqgħa bejn is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku, Josè Herrera, il-bord tal-BICC u diversi stakeholders tas-suq tal-proprjetà sabiex tiġi diskussa l-white paper li nieda l-Gvern ftit ilu rigward l-aġenti tal-proprjetà bit-titlu “Malta’s Property Code and Regulations”.
 
Ic-Chairman Eżekuttiv tal-BICC, il-Perit Charles Buhagiar tkellem fuq il-bżonn ta’ sinerġija bejn il-ħidma tal-awtorità li qiegħda tiġi kkunsidrata f’din il-White Paper u l-ħidma tal-BICC. Huwa stqarr li l-BICC tista’ wkoll tagħti kontribut siewi għall-iżvilupp tal-professjoni tal-aġenti, kemm mil-lat edukattiv kif ukoll billi tagħti appoġġ kontinwu.
 
Herrera ta preżentazzjoni dettaljata ta’ din il-white paper u kif ser tkun qiegħda tolqot u timmodernizza s-suq tal-proprjetà, speċifikament il-ħidma tal-aġenti, billi togħlli l-livell ta’ servizz u ġġibu tal-aqwa livell Ewropew. “Din il-white paper ser tkun, għall-ewwel darba mis-snin sittin meta bdew jiftħu l-agenziji f’pajjiżna, tara li tiddaħħal aktar serjetà fis-suq permezz ta’ korsijiet, linji gwida u anka multi li aġent jirċievi waqt il-ħidma tiegħu. Wara kollox, ix-xiri ta’ proprjetà huwa l-ikbar investiment li l-maġġor parti tan-nies jagħmlu f’ħajjithom u għalhekk huwa dover tagħna li nieħdu ħsieb lill-konsumatur ukoll,” saħaq Herrera.
 
L-istakeholders, filwaqt li taw kritika kostruttiva u offrew l-emendi tagħhom għal din il-White paper, faħħru l-ħidma tas-Segretarjat u tal-Gvern u saħqu li dan huwa pass tajjeb li qiegħed jittieħed sabiex dan is-suq jingħatalu s-serjetà u l-investiment li jixraqlu. L-istakeholders preżenti kienu jinkludu l-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa, l-MDA, l-FEA, il-BRO, l-OHSA, l-MCCAA, il-GPD, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-ETC, l-MCAST, il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija, il-FORUM u l-GRTU.