Il-Ministru Helena Dalli flimkien mac-Chairman Esekuttiv tal-BICC il-Perit Charles Buhagiar tqassam ċertifikati

Il-Ministru Helena Dalli flimkien mac-Chairman Esekuttiv tal-BICC il-Perit Charles Buhagiar tqassam ċertifikati lil parteċipanti li temmew b’suċċess korsijiet organizzati mill-BICC fis-saħħa u s-sigurtà b’rabta mal-iskill cards kif ukoll fir-restawr ta’ djar antiki

 
Wara li ftit tal-ġimgħat ilu kien varat il-proġett tal-iskill cards mill-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini l-BICC, numru ta’ parteċipanti temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ fis-saħħa u s-sigurtà bis-sehem tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol l-OHSA. Dan bħala parti mill-proċess sabiex ikunu jistgħu jiksbu din l-iskill card.
 
Is-sistema tal-iskill cards għandha l-għan li tgħolli l-istandards fl-industrija tal-kostruzzjoni u ttejjeb il-prattiċi ta’ saħħa u sigurtà filwaqt li tagħti wkoll għarfien xieraq lill-ħiliet u s-snajjatal-ħaddiema kwalifikati.
 
F’ċerimonja li saret fil-bini tal-BICC fil-Belt, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qassmet ċertifikati lil dawn il-ħaddiema kif ukoll lil 30 parteċipant ieħor li riċentament temmew b’suċċess kors dwar ir-restawr ta’ djar antiki.
 
F’indirizz qasir li għamlet, il-Ministru Dalli enfasizzat l-importanza ta’ korsijiet bħal dawn li minnhom infushom idaħħlu ċertu livell fost dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni. Qalet li l-proġett tal-iskill cards se joħloq sinerġija bejn din l-industrija u l-aspett ta’ saħħa u sigurtà.
 
L-istatistika turina li l-aktar inċidenti li jseħħu fuq il-post tax-xogħol huma fis-settur tal-kostruzzjoni. Irridu ndaħħlu kultura fejn kull ħaddiem ikollu l-għarfien meħtieġ dwar riskji u perikli li jista’ jkun hemm fuq siti ta’ kostruzzjoni biex b’hekk jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji u jkunu evitati l-inċidenti” saħqet il-Ministru Dalli.
 
Iċ-Chairman tal-BICC il-Perit Charles Buhagiar fisser kif huwa lir-rwol tal-BICC li jqajjem kuxjenza fost il-pubbliku u b’mod partikolari fost dawk li jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni dwar prattiċi tajba li għandhom jintużaw meta jiġu implimentati x-xogħlijiet. Dan isir billi jittieħdu diversi inizjattivi edukattivi fosthom korsijiet u seminars kif ukoll pubblikazzjonijiet li jindirizzaw problemi speċifiċi. F’dan ir-rigward huwa ħabbar kif fl-24 ta’ Ġunju, il-BICC se jkun qed itella’ konferenza dwar l-industrija tal-kostruzzjoni.
 
Il-Perit Buhagiar semma’ kif mill-bidu ta’ din is-sena, il-BICC organizza korsijiet dwar manutenzjoni ta’ djar qodma, fis-saħħa u sigurtà fuq siti ta’ kostruzzjoni kif ukoll kors dwar il-bini u l-manutenzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ sabiex tinżamm ħajja din is-sengħa tradizzjonali li bil-mod il-mod qiegħda tintilef.
 
Qal li l-kors dwar il-manutenzjoni  ta’ djar hu maħsub biex jgħin sidien ta’ propjetajiet antiki jiddentifikaw il-problemi relatati ma’ dan it-tip ta’ bini u x’jistgħu jagħmlu  dwarhom.