Il-BICC tikkonsulta mal-Kunsilli Lokali rigward l-introduzzjoni tal-iSkill Card

Reference Number: PR152755, Press Release Issue Date: Dec 04, 2015
 
Il-Kunsilli Lokali ta’ Malta u Għawdex ġew ikkonsultati rigward l-intorduzzjoni tal-iSkill Card għall-ħaddiema fl-Industrija tal-Bini permezz ta’ laqgħat informattivi li saru fiċ-Ċentru Ċiviku ta’ Birkirkara l-bieraħ 3 ta’ Diċembru u llum fil-bini tal-Minsiteru għall-Għawdex.
 
Dawn il-laqgħat, li saru b’kollaborazzjoni bejn il-Minsiteru għall-Għawdex, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini (BICC), servew sabiex il-BICC jispjega x’inhi l-iSkill Card, meta se tiġi introdotta, x’inhuma l-implikazzjonijiet tagħha u kif din se taffettwa l-ħidma tal-Kunsilli Lokali.
 
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal li matul il-ġranet li għaddew il- BICC flimkien u bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex organizzaw laqgħa pubblika għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni. L-għan ta’ din il-laqgħa kien li ħaddiema Għawdxin ta’ din l-industrija jkunu mgħarrfa sew dwar l-iskill cards li se jidħlu fis-seħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla.
 
Huwa tenna l-importanza tal-iskill card, fejn il-ħaddiem ħa jiġi rikonoxxut fix-xogħol tiegħu kif ukoll l-importanza lit-taħriġ dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Il-Ministru Refalo qal li l-pass li jmiss huwa li meta tidħol fis-seħħ din is-sistema, l-Għawdxin ikunu jistgħu jieħdu l-informazzjoni neċċessarja mill-Kunsilli Lokali f’Għawdex stess. Dan huwa ta’ benefiċċju għal Għawdxin għax l-Għawdxin se jkunu jistgħu jinqdew minn Għawdex stess.   Il-Ministeru għal Għawdex  huwa  dejjem lest li joffri kull sapport possibbli.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo fakkar kif fl-aħħar ta’ Mejju li għadda s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali ssottometta r-reazzjoni tiegħu għall-introduzzjoni tal-iSkill Card u ssuġġerixxa modi kif il-Kunsilli Lokali jistgħu jkunu involuti fil-proċess li jwassal sabiex ħaddiem jingħata din il-card.
 
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo spjega kif il-Kunsilli lokali se jintlaqtu bħala entitajiet li jwettqu xogħlijiet infrastrutturali, peress li fil-futur se jkunu obbligati li jqabbdu biss ħaddiema li għandhom din il-card.
 
Barra minn hekk, spjega s-Segretarju Parlamentari Buontempo, il-kunsilli lokali se jkunu involuti fil-proċess tal-ksib tal-cards, kemm bħala one-stop-shop minn fejn il-pubbliku jista’ japplika, kif ukoll bħala ċentri minn fejn jingħataw korsijiet li jwasslu għall-ksib tal-istess Skill Card.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo fakkar li l-kunsilli lokali diġà huma impenjati li jagħtu firxa wiesgħa ta’ servizzi fil-komunità, fosthom fl-oqsma tas-saħħa, edukazzjoni, turiżmu, kultura, il-ħarsien tal-wirt storiku tal-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin, u l-isports.
 
Iċ-Chairman tal-BICC, il-Perit Charles Buhagiar spjega li Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi fid-dinja li m’għandiex sistema li tiċċertifika l-ħiliet tal-ħaddiema kollha fl-industrija tal-bini. Permezz ta’ din is-sistema, se jkun hemm titjib sostanzjali fil-livell tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u l-ħaddiema li m’għandhomx tagħlim formali se jiksbu forma ta’ rikonoxximent li huwa validu internazzjonalment.